Warren Sammut

Għeżież,

Nemmen li jekk ser issir xi riforma, ma tmurx wisq ‘il bogħod minn dik preżenti għaliex ma nemminx li qiegħda tirristrinġi b’xi mod. L-importanti hu li jkunu mħarsa d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem bla ebda eċċezzjoni, u li l-Kostituzzjoni tibqa’ tirrifletti l-istorja u l-evoluzzjoni tal-pajjiż: bejn it-tradizzjonijiet u l-kontemporanjeta; jiġifieri li nkunu kożmopolitani iżda ukoll Maltin (u Ewropej) fl-istess ħin.

Il-Kostituzzjoni għandha tiżgura l-libertajiet taċ-ċittadin Malti li jkun jista’ jgħix kwalita ta’ ħajja tajba filwaqt li jikkontribwixxi għal soċjeta u ekonomija diversifikata u b’saħħitha Ewropea.

Għandna naċċettaw li llum il-Malti mexa ‘l quddiem u għandu eżiġenzi moderni u jħares lejn ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-soċjeta, u d-dinja b’mod differenti miż-żminijiet ta’ qabilna.

Għandna naraw li jkun hemm soċjeta inklużiva iżda kunfidenti minnha innifisha, li tilqa’ fi ħdanha kull min irid jintegra f’forma jew oħra mingħajr diskriminazzjoni u kull min jixtieq jidentifika ruħu bħala Malti għaliex jassoċja ruħu ma’ dak li hu Malti. Ir-Reliġjon għandu jibqa’ dak Kattoliku (iżda naraw li naċċettaw li min irid jipprattika Reliġjon ieħor ma jsib ebda xkiel u diskriminazzjoni, u jsib l-integrazzjoni minnflok. Naċċettaw kulturi oħra filwaqt li aħna nippromwovu bis-sħiħ l-Identita Maltija (li parti minnha hi l-ospitabbilta) li tirrenja globalment fuq artna bħala xi ħaġa indiġena.

Għandna nfakkru li Malta tibqa’ nazzjon u pajjiż bi bliet, irħula u villaġġi u mhux belt-stat (city state) filwaqt illi nkomplu nissimplifikaw l-operati għal effiċjenza massima billi nużaw ekonomiji ta’ skala miċ-ċokon tagħna.

Għandna naraw li jkun hemm il-ħarsien u t-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt u d-Demokrazija.

Għandna naraw li jkun hemm l-iżgurar ta’ Żvilupp Sostennibbli, li għandu jkun il-qofol globali tal-Kostituzzjoni.

Sadanittant, nemmen ukoll għandu jissaħħaħ l-istatus tal-Ilsien Nazzjonali, jiġifieri l-Malti (għalkemm m’għandux għalfejn ikun hemm tibdil fl-Ilsna Uffiċjali – jiġifieri Ingliż u Malti). B’dan irrid ngħid illi għandna nkomplu nippromwovu l-Malti mingħajr ma ninsew li aħna parti minn familja dinjija.

Tislijiet,
Warren Sammut.