John Bonello

Nipproponi t-tneħħija tal-lingwa Ingliża minn ilsien uffiċjali. Wasal iż-żmien li nkunu kburin b’dak li hi tagħna u, bħal f’pajjiżi oħra Ewropej, inkunu kburin l-ewwel bl-identità nazzjonali tagħna imbagħad b’dik Ewropeja. L-identità kolonjali tagħna għadda żmienha.

Il-kostituzzjoni hija strument li fuqu jinbena l-operat tal-istat u hija l-għodda biex inħarsu lsienna. Ilsienna li huwa xbiha ta’ dak li jagħmilna Maltin u li huwa riżultat tal-istorja u l-kultura tagħna. U lsien li qatt ma ingħata r-rispett li jistħoqqlu. Dan l-aħħar ukoll, leġiżlaturi għażżiena taw importanza lil-liġijiet miktuba b’ilsna barranin kontra d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni attwali li fl-opinjoni tiegħi hija tal-mistħija.

Għalhekk nipproponi li l-lingwa Ingliża tibqa’ tingħata importanza imma titneħħa minn ilsien uffiċjali. Minflok, nagħtu importanza kbira lill-ilsna barranin kollha indaqs. Insibu mitkellma ħafna lingwi bħat-Taljan, is-Serb u numru ta’ ilsna Ewropej oħra li għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod formali u mgħallma – biss mhux posthom fil-Kostituzzjoni. Il-Malti biss postu hemm.

Ġest simboliku li juri li Malta art tal-istorja u l-kultura Maltija u li nies Malta għandhom japprezzaw.