Il-Proċess

Is-soċjetà inbidlet. L-iżvilupp ekonomiku qed jinħass.  Fl-istess waqt l-identità Maltija qed tevolvi wkoll.

Il-Kostituzzjoni trid tirrifletti dan it-tibdil fil-ħajja tal-lum u jeħtieġ tiġi aġġornata.  Pajjiżna għandu bżonn istituzzjonijiet, drittijiet u liġijiet li jorbtu skont il-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata.

Kien lejn l-aħħar tal-2018 meta twaqqaf Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali, magħmul minn rappreżentanti nominati miż-żewġ partiti ewlenin.

Ir-rappreżentanti nominati mill-Partit Laburista huma l-Ministru Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli u l-ex Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Għall-Partit Nazzjonalista, ir-rappreżentanti nominati huma d-deputat Parlamentari Chris Said, l-ex Kummissarju Ewropew Tonio Borg u Amy Camilleri Zahra.

Il-President George Vella, fil-ġimgħat li għaddew laqqa’ dan il-kumitat u qed jimpenja ruħu li dan il-proċess jitkompla bil-galbu meħtieġ.

Dan mhux proċess li se jsir mill-politiċi jew mill-partiti biss, iżda wkoll mis-soċjetà ċivili, l-għaqdiet volontarji u individwi interessati.

Għal dan il-għan tnieda dan is-sit elettroniku biex iservi ta’ pjattaforma biex kull min għandu xi suġġeriment jew proposta jressaqha għall-konsiderazzjoni.

Dan sar bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li dam għal perjodu ta’ madwar 3 xhur.