Emanuel Psaila

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jitlob li jiġi emendat artiklu 47 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta artiklu (1) fejn dan jaqra: F’dan il-Kapitolu, ħlief fejn ir-rabta tal-kliem ma teħtieġx xort’oħra, il-kliem li ġejjin ikollhom it-tifsiriet li ġejjin rispettivament, jiġifieri – “korp dixxiplinat” tfisser – (a) korp navali, militari jew tal-ajru tal-Gvern ta’ Malta; (b) il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta; (ċ) kull korp ieħor ta’ pulizija mwaqqaf b’liġi f’Malta; (d) is-servizz tal-ħabs ta’ Malta. Għalhekk għandu jiżdied dan li ġej; (e) Il-Forza tal-Għajnuna u Salvataġġ fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. U dan minħabba bosta raġunijiet kif imfisser hawn taħt:
• Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa meqjus bħala Korp Dixxiplinat u dan joħroġ minn diversi aspetti, fosthom li l-ħaddiema kollha tal-Forza jgawdu mill-benefiċċju ta’ irtirar bil-pensjoni wara 25 sena servizz.
• F’Kapitolu 251 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika) artiklu 16 (4) jgħid hekk: Għall-fini ta’ dan l-artikolu, korpi dixxiplinati jfissru – (a) il-Forzi Armati ta’ Malta; (b) il-Korp tal-Pulizija; (ċ) uffiċjali li jservu fis-Servizzi Korrettivi ta’ Malta u (d) il-Forza tal-Għajnuna u Salvataġġ fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
• Ukoll Fil-LS.251.01 f’artiklu 11A jgħid hekk: Il-Midalja għal Servizz Distint għandha tkun tonda, tal-cupro-nickel, u ta’ dijametru ta’ 36mm, ikollha fuq il-faċċata l-Arma ta’ Malta ibbuzzata u jkollha bbuzzata fuq wara kuruna murali b’ħames turretti b’iskrizzjoni nofs tond taħt bil-kliem”GĦAL SERVIZZ DISTINT” kollha mdawra b’girlanda ta’ rand mdendla minn fuq; kollox imdendel minn virga. Il-Midalja tiddendel ma’ żigarella wiesgħa 32mm kif ġej: (d) għall-Forza tal-Għajnuna u Salvataġġ fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħames partijieti ndaqs, l-ewwel waħda kaħla u t-tieni orange, it-tielet suddiviża f’ikħal, orange u ikħal, ir-raba’ orange u l-ħames kaħla.
• F’Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar l-Impiegi u Relazzjonijiet Industrijali) artiklu 2 jgħid hekk: “forza dixxiplinata” għandha l-istess tifsir kif mogħti lilha bl-artikolu 47 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tinkludi l-Forza ta’ Għajnuna u Salvataġġ stabbilita bis-saħħa tal-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili;
Għalhekk inħossu li issa huwa l-mument propizju biex Artiklu 47 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jiġi emendat u l-Forza tal-Għajnuna u Salvataġġ fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tkun ukoll imniżżla fl-ogħla liġi tal-pajjiż bħala Korp Dixxiplinat biex żgur ma jkunx hemm min jinterpreta din il-Forza b’mod differenti.

Grazzi

Emanuel Psaila
Director
Civil Protection Department