Emanuel Delia – Repubblika

Repubblika tesprimi l-apprezzament tagħha għall-kummenti tal-President George Vella ftit tal-jiem ilu li l-proċess tar-Riforma Kostituzzjonali m’għandux ikun limitat għall-interessi taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament, iżda għandu jinkludi parteċipazzjoni wiesa, inkluż dik tas-soċjeta’ ċivili.

Madanakollu, aħna mħassbin li l-ewwel passi f’dan il-proċess ma jidhru bl-ebda mod li jilħqu dan l-għan.
L-istedina lill-pubbliku sabiex jissottometti “suġġerimenti” dwar kif għandha tinbidel il-Kostituzzjoni tidher li hi limitata drastikament fl-iskop tagħha. Hu maħsub li s-sottomissjonijiet isiru separatament u fuq bażi individwali, b’tali mod li min jissottometti suġġeriment ma jkunx jaf ħaddieħor xi jkun issuġġerixxa. Sa fejn nistgħu nifhmu f’dan l-istadju, wara l-partiti politiċi janalizzaw is-suġġerimenti li jkunu ġew preżemtati u jżommu dawk li jgħaqdu l-interessi tagħhom filwaqt li jwarrbu l-kumplament.

Repubblika tisħaq illi l-Kostituzzjoni tillimita l-poter ta’ dawk li jiggvernaw u għalhekk min jiggverna assolutament mhux idonju sabiex jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif is-setgħa tiegħu għandha tkun limitata.

Intennu li ma nsibu l-ebda serħan tal-moħħ fil-fatt li l-President jipparteċipa f’dan il-proċess. Minkejja li l-President indubbjament għandu intenzjonijiet ġenwini, il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess teċċedi l-limiti tal-poteri u r-responsabbilitajiet tiegħu fil-qafas Kostituzzjoanli li jiddefinixxi r-rwol tiegħu llum il-ġurnata. Ċertament dan kollu xejn m’hu bidu inkoraġġanti għal proċess li għandu l-għan li jiddetermina mill-ġdid dawk il-limiti.

Barraminhekk, irrispettivament minn kwalunkwe awtorita’ morali li l-President George Vella jittama li jkollu, il-gvern ripetutament wera d-determinazzjoni tiegħu li juża l-kontroll qawwi tiegħu sabiex jimplimenta bidliet kostituzzjonali li jaqdu l-interessi tiegħu.

Il-fatt illi f’dawn il-jiem tas-sajf il-gvern qiegħed fil-proċess li jingaġġa l-Avukat tal-Gvern li ser ikun magħżul fid-dikrezzjoni unika w esklussiva tal-Prim Ministru b’riżultat ta’ emendi Kostituzzjonali li ma kienu diskussi ma’ ħadd ’il barra mill-Parlament tindika li l-proċess imniedi mill-President George Vella jista’ ikun paraventu li warajh partiti politiċi jimplimentaw il-bidliet li jaqdu l-interessi tagħhom.

Bħal kull min hu konċernat dwar governanza tajba ta’ pajjiżna, il-membri ta’ Repubblika għandhom fehmiet b’saħħithom dwar kif il-Kostituzzjoni tagħna tista’ tkun imtejjba. Iżda filwaqt li hemm ir-riskju li reviżjonijiet isiru taħt il-kontroll tal-partiti politiċi, il-preferenzi speċifiċi tagħna dwar id-dettall huma ta’ importanza sekondarja.
Aħna tassew imħassbin li s-sottomissjonijiet tagħna dwar il-proċess ta’ reviżjoni u riforma tal-Kostitzzjoni, li preżentajna lill-President Marie Louise Coleiro Preca f’Marzu li għadda fuq talba tagħha u tal-iSteering Committee taż-żewġ partiti politiċi lanqas għadhom ingħataw acknowledgement. Lanqas ma ngħatajna xi forma ta’ acknowledgment mill-President George Vella minn mindu hu ħa l-Ġurament tal-Ħatra bħala President.

Repubblika bl-ebda mod ma tqis li għandha xi dritt li tagħżel hi x’għandu jkun il-proċess li bih il-Kostituzzjoni tagħna tkun emendata. Iżda aħna għandna r-responsabbilita’ li ninfurmaw lill-pubbliku bit-tħassib tagħna li riformi kostituzzjonali li saru minn wara bibien magħluqa dejjem wasslu, mingħajr ebda eċċezzjoni, għal demokrazjija kompromessa, għal tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem u għall-aċċettazzjoni ta’ dittatorjat taħt bixra ta’ prinċipji t’importanza tassew għolja u li madanakollu fil-prattika ma jkunux infurzabbli.

Il-minimu li neżiġu hu li l-proċess li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet ikun determinat mill-bidu nett u jkun imħabbar fl-intier tiegħu lill-pubbliku, b’tali mod li l-politiċi ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeċiedu huma x’ser jiddiskutu u japprovaw fil-Parlament mingħajr ma l-ewwel jikkommettu ruħhom dwar kif ser jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat bil-bidliet li jkunu ser jiġu introdotti u jiksbu l-appoġġ tiegħu għal tali tibdil.

Aħna llum preżentajna mill-ġdid r-rakkomandazzjonijiet tagħna għal proċess ta’ riforma Kostituzzjonali li jkun trasparenti, ġenwinament inklussiv u parteċipattiv bħala parti mis-sejħa formali għal suġġerimenti mill-President George Vella ftit tal-jiem ilu. Mill-ġdid qegħdin nippubblikaw ir-rapport tagħna li konna preżentajna f’Marzu li għadda sabiex wieħed ikun jista’ faċilment jagħmel referenza għalih.

Mill-ġdid nisħqu li fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni pubblika adegwata, minkejja x-xewqa tagħna għal titjib fil-qafas Kostituzzjonali ta’ pajjiżna, hi l-fehma soda tagħna li f’tali ċirkustanzi jkun deċiżament aħjar li ma ssir l-ebda bidla fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Ċertament nippreferu nkomplu ngawdu l-garanziji mogħtija lilna mill-Kostituzzjoni imperfetta li għandna bħalissa milli nafdaw id-destin u l-futur tagħna f’kostituzzjoni futura li għada mhix magħrufa u li tkun imfassla sabiex tipproteġi l-interessi tal-partiti politiċi li fil-preżent qegħdin joħonqu dawk l-istess garanziji.