Antonia Degiorgio

Nixtieq nara tibdil fis-sistema tal-Qorti tal-Familja. Huwa inaċċettabli li persuna minkejja li ilha de facto separata tmien (8) snin sallum għadha legalment miżżewġa. Dan huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u logħob bil-ħajja tan-nies inkluż ħafna drabi tfal. U dan meta f’Malta għandna l-liġi tad-divorzju li wieħed jista’ jieħdu wara erba’ snin legalment separat. Iżda jekk persuna ma tkunx legalment separata ma tistax tieħu d-divorzju! Mhux ġust li għax parti ma tridx tiffirma kuntratt ta’ separazzjoni bonarja, tibqa’ legalment miżżewġa ad aeternum.

Il-kawżi ċivili jieħdu fit-tul minħabba fost affarijiet oħra, differimenti ta’ xhur bejn seduta u oħra; skużi minn parti (li ma jiġux ivverifikati) biex titħassar seduta ma’ assistent ġudizjarju u rikorsi fuq rikorsi mimlijin allegazzjonjiet foloz u ripetuti u ma jittieħdux passi ulterjuri ħlief li l-Qorti tilqa’ jew tiċħad it-talbiet anki meta fir-risposti jiġi ppruvat bil-fatti li l-allegazzjonijiet huma foloz jew saħansitra ffabrikati.

Għandu jkun hemm limitu ta’ żmien inkluż għal medjazzjoni fil-bidu tal-proċeduri. Il-medjazzjoni m’għandhiex iddum aktar minn tlett (3) xhur. Meta tibda kawża, fl-ewwel seduta l-Imħallef għandu jiffissa serje ta’ seduti, mhux aktar minn tmienja, għall-provi kollha, fejn kull parti għandha jkollha sa massimu ta’ erba’ seduti. Wara dawn is-seduti, il-ġbir tal-provi għandu jiġi dikjarat magħluq u b’hekk kawża tista’ tiġi deċiża fi żmien sena mill-istess Imħallef li jkun beda jismgħaha, mhux tant jgħaddu snin li l-kawża jirtuha xi tlett imħallfin differenti!

Id-digrieti pendente lite. Dawn għandhom japplikaw l-istess għaż-żewġ naħat speċjalment jekk hemm il-kura u kustodja tat-tfal konġunta u t-tfal kważi maqsumin nofs bin-nofs! Hija diskriminatorja li jittieħdu passi kriminali jekk il-ġenitur li magħha jkunu l-aktar it-tfal iċċaħħad lill-ġenitur l-ieħor milli jara t-tfal fil-ġranet u l-ħin li tkun ordnat il-Qorti, iżda, jekk il-ġenitur li għandu l-aċċess ma jirritornax lit-tfal fil-ġranet u l-ħin imniżżla fl-istess digriet, f’għajnejn il-liġi kriminali, qisu qatt ma ġara xejn. Għall-istess azzjoni, jekk jagħmilha ġenitur A (ħafna drabi l-omm), tkun qed tagħmel “reat” u tista’ saħansitra teħel il-ħabs, iżda jekk jagħmilha ġenitur B, il-pulizija tniżżel il-każ bħala ‘case of civil nature’. Imma mbagħad per eżempju iċ-children’s allowance tinqasam nofs bin-nofs la fuq id-digriet tal-Qorti hemm imniżżel li l-kura u kustodja tat-tfal hija konġunta!

L-ispejjeż edukattivi u mediċi li ħafna drabi jkunu ħafna ogħla mill-ispejjeż ta’ kuljum, għandhom ikunu nklużi mal-manteniment għat-tfal. Jekk ġenitur ma jħallashomx għandu jiffaċċja l-proċeduri fil-Qorti Kriminali bħal meta ma jħallasx il-manteniment. Nissuġġerixxi li fejn jidħol manteniment, ikun il-Gvern li joħorġu u mbagħad il-Gvern jiġbru mingħand il-ġenitur li jkun ordnat mill-Qorti li jagħti l-manteniment. Dan għaliex il-Gvern għandu ħafna aktar mezzi biex ifittex lin-nies, minn dawk il-povri ġenituri li jagħmlu snin twal bla manteniment għal uliedhom għax ma jridux jaħlu l-ħin jew jonfqu flus żejda fil-kawżi kriminali. Dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-kawżi kriminali tal-Qorti tal-Familja.

Nissuġġerixxi wkoll li l-istess ġudikant li jisma’ l-kwistjonijiet ċivili, jisma wkoll dawk kriminali, biex jiġu evitati deċiżjonijiet konflinġenti. Dan għaliex jekk hemm ftehim ikkumplikat dwar per eżempju l-aċċess, il-ġudikant li jkun approva dak l-aċċess ikun jaf il-fatti tal-każ u jifhem mal-ewwel u mhux xi ħadd mill-partijiet jinqeda b’Qorti differenti biex tipprova twaħħlu lill-parti l-oħra.

Nissuġġerixxi li mill-aktar fis issir emenda fl-artikolu 4(3) tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16) biex tfal minuri jkunu jistgħu jieħdu kunjom il-mara flimkien ma’ kunjom ir-raġel jekk meta twieldu ngħataw biss kunjom ir-raġel.